|
_

L-ewwel żminijiet
Għalkemm il-poplu Għaxqi fil-maġġoranza tiegħu dejjem kien jappoġja lill-Partit tal-Ħaddiema, il-Laburisti Għaxqin mhux minn dejjem kellhom faċilitajiet fejn ikunu jistgħu jiltaqgħu. Għall-bidu, il-laqgħat tagħhom kienu jsiru b’mod informali, sakemm fid-19 ta’ Novemru 1959, propju ħamsin sena ilu, instab l-ewwel post li kellu jservi ta’ każin Laburista f’ Ħal Għaxaq. Dan il-post kien jikkonsisti f kamra waħda, li sa dak iż-żmien kienet tintuza bħala ħanut ta’ mastrudaxxa. Il-post kien jinsab fejn illum tibda Triq Ġio Marija Farruġia. Malli nstab il-post, bdew il-preparamenti biex jiġi ffurmat l-ewwel kumitat Laburista fir-raħal.
L-ewwel inizjattiva li ttieħdet mil-kumitat kienet li jitranga il-post li kellu jservi ta’ każin. Bħal ħafna drabi oħra fl-istorja tal-każin, dan ix-xogħol ma kienx ikun possibli mingħajr l-għajnuna volontarja ta’ ħafna nies Laburisti fir-raħal.
Is-snin sittin
Is-snin sittin kienu karatterizzati mil-mixja lejn l-Indipendenza u l-ġlieda politiko-reliġjuża. Din tal-aħħar, għalkemm żgur li kellha l-impatt tagħha, xejn ma tappnet id-dedikazzjoni tal-attivistu Laburisti fir-raħal. Iż-żgħażagħ, b’mod partikolari, mal-ewwel bdew juru interess f’dak li kien għaddej fil-każin; interess li baqa’ dejjem jikber, tant li f’Marzu 1961 ingħaqad l-ewwel kumitat tal-Labour Leage of Youth.
F’dan iż-żmien, kienu għaddejjin ukoll il-preparamenti għall-ftuh uffiċjali tal-kazin. Meta tfassal il-programm għal dan il-ftuh, ma naqsitx il-kontroversja: il-Kappillan tal-parroċċa għarraf lill-kumitat li l-irħama kommemorattiva ma setgħetx tiġi mbierka fuq ordni tal-Kurja. Minħabba diversi raġunijiet, id-data tal-ftuħ uffiċjali baqgħet ma tħabbritx għal xi żmien.
F’ Diċembru tal-1962, il-kumitat organizza għall-ewwel darba il-festin tal-Milied għat-tfal tal-membri, fl-Aussie Hall, Bir id-Deheb. Dan kien wiehed mil-ewwel festini ta’ din ix-xorta fir-raħal, u baqa jsir sal-lum.
Fis-27 ta’ Jannar 1963 fejn saret l-ewwel Laqgħa Ġenerali Annwali taħt l-awspiċi tal-Partit Laburista, preseduta mis-Segretarju Ġenerali ta’ dak iz-zmien. Fl-istess sena, l-Partit Laburista beda l-proġett tal-bini tal-istamperija tiegħu, proġett li fih il-kumitat Laburista ta Ħal Għaxaq ikkontribwixxa mill-aħjar li seta’, kemm permezz ta’ ġbir ta’ donazzjonijiet, u kif ukoll billi ħajjar lil dawk il-membri li kellhom is-sengħa tal-bini biex jgħinu fix-xogħolijiet. Għal darb’ohra, l-kontroversja ma naqsitx. Billi dan ix-xogħol kien isir l-aktar kull nhar ta’ Ħadd, il-Partit beda jiġi akkuzat li qiegħed iġiegħel lin-nies jagħmlu dnub mejjet. Ix-xogħol fuq il-bini tal-Freedom Press baqa’ għaddej xorta wahda.
Sa mil-bidu tiegħu, il-kumitat beda jiehu interess fil-qasam soċjali fir-raħal. Fl-1964, il-Kumitat daħal responsabbli li jħallas il-qbiela ta’ għalqa biex din tinbidel fi ground tal-football ħalli ż-żgħażagħ jkunu jistgħu jilgħabu fiha. Din l-għalqa hi l-istess waħda li għadna narawha bħala green area fil-Qasam tad-Djar Ħal Dmikki, eżattament fi Triq il-Ħannieqa. Ġie ffurmat ukoll tim tal-football li ħa sehem fil-kompetizzjoni organizzata mil-Labour Leage of Youth. Il-Kumitat iffinanzja kemm il-miżata għal din il-kompetizzjoni, kif ukoll is-sett ta flokkijiet li ntlibsu mit-tim. Ħafna żgħażagħ li kienu jilgħabu f’dan it-tim, spiċċaw biex bdew jilgħabu fit-tim ta’ Għaxaq Gazelles li kien jilgħab fit-tieni diviżjoni tal-M.F.A.
Ma setax jonqos l-impenn tal-Kumitat fil-kampanji politiċi. Il-Kumitat ta s-sehem tiegħu fil-kampanja li saret qabel ir-referendum tal-1964, meta l-poplu gie mistoqsi kienx jaqbel mal-Kostituzzjoni tal-Indipendenza kif proposta mil-Gvern Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien, kostituzzjoni li f’għajnejn il-Partit Laburista kellha diversi nuqqasijiet.
Id-doża ta attivitajiet politiċi kompliet tiżdied meta Hal Għaxaq intagħżel biex ikun wiehed mil-postijiet fejn il-Partit organizza meeting bhala parti mil-kampanja għal-elezzjoni ġenerali ta Marzu 1966. Fl-1968, il-membri tal-kumitat akkumpanjaw lill-kandidati u d-deputati tad-distrett fi żjarat li saru lill-eletturi Għaxqin; kampanja li kompliet iżżid l-appoġġ qawwi li kien igawdi il-Partit fir-raħal. Fl-istess sena, reġgħet twaqqfet ukoll il-Labour League of Youth, li fost affarijiet oħra, ffurmat team tal-football bl-isem Għaxaq Young Boys. Fil-kumitat inholqot il-pożizzjoni ta’ Sports Officer, li fost l-ohrajn organizza kompetizzjoni ta sparar fuq il-plattini bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-għeluq il-50 sena mit-twaqqif tal-Partit tal-Haddiema.
Is-snin sebgħin
Is-snin sebgħin kienu snin differenti hafna mill-għaxar snin ta qabilhom. Il-glieda politiko-reliġjuza kienet spiċċat, u mil-1971 Malta kienet immexxija minn gvernijiet Laburisti taħt it-tmexxija ta’ Dom Mintoff. Bi tħejjija għal-elezzjoni tal-1971, il-kumitat organizza numru ta corner meetings fil-pjazza tar-raħal, li kienu jigu indirizzati mill-kandidati tat- 3 Distrett, li dak iz-zmien Ħal Għaxaq kien jagħmel parti minnu. Biex jiċċelebra r-rebħa Laburista tal-1971, il-Kumitat għaqqad banda b’mużiċisti Għaxqin u għamel marċ madwar ir-Raħal nhar l-24 ta’ Ġunju
Wara li għaddew iċ-ċelebrazzjonijiet, il-Kumitat beda jahdem biex isir xogħol mil-Gvern ġdid Laburista sabiex ir-raħal jimxi l-quddiem. Għal dan il-għan bdew isiru laqgħat mal-ministri li kienu jifformaw parti mil-Kabinett, b’mod speċjali mal-ministru Lorry Sant li kien ġej mit-tielet distrett. Il-kumitat ressaq diversi proposti quddiem il-Ministri fosthom li jiġu rrangati ċertu toroq, tinfetaħ għassa tal-pulizija u jigi irranġat Misrah Santu Rokku.
Minħabba li waħda mit-talbiet milqugħa kienet propju dik li tinfetaħ triq ġdida fejn illum hemm Triq Giomarija Farrugia, kien hemm il-ħtieġa li jitwaqqa’ xi bini, fosthom dak tal-Każin Laburista. Għalhekk, kellu jinstab paost alternattiv għall-każin. Minħabba li faċċata ta’ fejn kien hemm il-każin kienet qed tiġi żviluppata triq ġdida fejn illum hemm Vjal il-Labour, il-Gvern iddeċieda li waħda mill-binjiet f’din it-triq tiġi allokata bħala Każin Laburista. Il-kuntratt tal-kiri ġie ffirmat fil-5 ta Gunju 1974. Il-ftuh tal-kazin il-ġdid, l-istess kazin li għad għandna sal-lum, sar fid-19 ta Ottubru tal-1974. Sar meeting kbir fil-pjazza indirizzat mil-Ministru u d-deputati tad-distrett, u wara inkixfet irhama kommemorattiva mil-Ministru Lorry Sant.
L-elezzjoni tal-1976 ukoll intrebhet mill-Partit Laburista. Il-Kumitat Lokali għal darb’ ohra ħaseb biex jorganizza dimostrazzjoni tar-rebħa fir-Raħal, u wara reġa beda jiltaqa’ mal-Ministri biex jipproponi xi xogħlijiet fir-Raħal, ħalli b’hekk ikomplu jitjiebu l-faċilitajiet f’Ħal Għaxaq. Fost it-talbiet li saru, u li kollha intlaqgħu, kien hemm proposti li jsir ground tal-football, li jiġu rrangati xi toroq u bankini, u li jitwaħħlu xi dwal ġodda. Dawn it-talbiet ġew imwettqa fi żmien qasir. Dan juri kemm il-Kumitati Lokali tal-Partit Laburista minn dejjem ħasbu fir-Raħal tagħna u fittxew li jkunu ta’ tarka għall-Għaxqin u għal Ħal Għaxaq.
F’Ottubru tal-1976 giet iffurmata uffiċjalment l-Għaqda Nisa Soċjalisti f’Hal Għaxaq, li ġabret fiha għadd ta’ attivisti nisa li kienu jagħtu kontribut siewi fil-hidma li kienet issir fil-Kazin.
tkompli f'Pagna 2...
|